Share |

DAN TISTA’ TKUN TAF

1 Ġwann 4:1-21

“B'hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina,
għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.”
(1 Ġwann 4:13)


Għadna kemm temmejna s-sena 2011 u forsi għal xi uħud minna s-sena li għaddiet kienet waħda li ħalliet magħha mistoqsijiet li baqgħu mingħajr tweġiba. Jista’ jkun illi din is-sena ġdida li għadna kemm bdejna toħloqilna aktar mistoqsijiet li ma nsibux it-tweġibiet għalihom. Madankollu l-Kristjan jista’ jiffaċċja s-sena 2012 b’kuraġġ għaliex hemm affarijiet importanti li nistgħu nkunu nafu mingħajr dubju ta’ xejn.

Tul ix-xhur li ġejjin flimkien ser inħarsu lejn veritajiet mill-Kelma t’Alla li jsaħħulna l-Fidi tagħna u jaċċertawna minn dak li nemmnu. Il-Bibbja taċċertana li nistgħu nkunu nafu ħafna affarijiet li jgħinuna niffaċċjaw l-isfidi li hemm quddiemna fil-mixja Kristjana tagħna tul din is-sena u lil hinn minnha.

Il-President Amerikan Benjamin Franklin kien qal “Xejn ma jista’ ikun ċert ħlief il-mewt u t-taxxi.” Qegħdin ngħixu fi żmien meta anke fost il-Kristjani l-materjaliżmu huwa meqjus importanti anke jekk fir-realtà mhuwiex u ma jimlix il-vojt ta’ qalbna, imma donnhom ftit huma dawk l-affarijiet li jitqiesu bħala tassew bżonnjużi, vera, jew awtoritattivi, dawk il-ħwejjeġ li jħeġġu l-ispirtu tagħna u li jgħinuna fil mixja tagħna.

Fil-Knisja llum insibu li hemm min jaċċetta l-filosofiji tal-bniedem anke jekk dawn imorru kontra l-Iskrittura Mqaddsa, u jwarrbu l-verità tal-Kelma t’Alla.

Imma kif nagħrfu l-verità? U kif nistgħu nkunu nafu li Alla jeżisti tassew? Ġħalkemm l-ħajja nnifisha ħafna drabi tkun inċerta, il-Kristjan jista’ ikun kunfidenti fil-veritajiet dwar Alla li nsibu rivelati fil-Bibbja.

1. NAGĦRFU S-SEWWA

A. Nistħarrġu lis-Spirti (1 Ġwann 4:1-3)

1. Il-Knisja Bikrija kienet tiffaċċja persekuzzjoni minn nies ta’ l-istess kultura u minn fost uħud mill-membri tagħha stess.

2. Kien hemm għalliema foloz li fosthom kien hemm l-ignostiċi li kienu jiċħdu li Kristu kien veru Alla u veru bniedem. Spirtu tal-antikrist.

3. Ġwanni jikteb biex iwissina biex ma nemmnux kull spirtu jew tagħlim sempliċiment għax jidher Reliġjuż. Aħna rridu niddixxernu l-verità mit-tagħlim falz. (1 Ġwann 4:1).

4. Illum irridu noqogħdu attenti dwar dak li naraw fuq it-televixin u dak li naqraw jew naraw fuq l-internet. Irridu noqogħdu attenti ukoll dwar il-fanatiċiżmu li xi uħud mill-aħwa jiktbu fuq l-fb!

5. Għaliex id-duttrina tal-inkarnazzjoni hi daqshekk importanti? Kieku Ġesù kien bniedem biss il-mewta tiegħu kienet tkun waħda ta martri u ma kienitx tista’ tipprovdi s-salvazzjoni. Kieku ma kienx bniedem ma setax imut u jkun is-Salvatur tagħna!

6. Ħafna drabi illum tagħlim falz mill-passat jerġa’ jiġi mqajjem u mlibbes libsa ġdida. Għalhekk importanti li nkunu nafu l-Bibbja biex ma nemmnux il-gideb tax-xitan.

7. Meta xi duttrina tkun t’appella lill-ġisem irridu noqogħdu attenti, anke jekk tkun meħuda mill-Bibbja għax din tista’ tkun interpretazzjoni ħażina!

B. Opri ta’ l-Ispirtu tas-Sewwa (1 Ġwann 4:4-6)

1. Għaliex sar diffiċli ħafna biex nagħrfu s-sewwa mill-gideb?

2. Jekk naqraw l-gazzetti jew nisimgħu l-aħbarijiet huwa ħafna diffiċli biex inkunu nafu min qed jgħid is-sewwa. L-introduzzjoni tal-internet kompliet ħawdet in-nies għax tant hemm infomazzjoni li nistgħu nitfixklu u nintilfu f’dan id-dilluvju ta’ informazzjoni.

3. L-Appostlu Ġwanni jwissina dwar sistema ta’ twemmin fi ħdan is-soċjetà li tkun tmur kontra t-twemmin Bibbliku. Iżda jinkoraġġina billi jgħidilna li dawk li huma mweldin minn Alla għelbu d-dinja u t-twemmin falz, għax l-Ispirtu fina huwa akbar mill-ispirtu li hemm fid-dinja.

4. L-għalliema foloz huma nfushom imqarrqa mix-xitan u jkomplu jgħallmu t-twemmin li huma stess għażlu li jemmnu. Ħafna llum jiġu mqarqa għaliex jaħsbu li rċevew xi rivelazzjoni ġdida u jqisu lilhom nfushom bħala l-vuċi t’Alla. Għalhekk huwa mportanti li nistudjaw l-Bibbja biex ħadd ma jidħaq bina.

5. Dawk li jisimgħu u jirrispondu għal dak li Alla qal fil-Bibbja huma tassew t’Alla (vs. 6).



2. NAGĦRFU ‘l ALLA PERMEZZ TA’ L-IMĦABBA

A. L-Imħabba Tiġi Minn Alla (1 Ġwann 4:7-11)

1. L-imħabba tibda minn Alla u tirrifletti f’uliedu!

2. Ħafna minn dawk li jagħllmu tagħlim falz joħorġu jattakkaw lil kulħadd u jipproġettaw lilhom nfushom bħallikieku huma biss għandhom il-verità sħiħa.

3. Il-Kristjan għandu jwassal il-verità bl-imħabba biex jirbaħ ir-ruħ ta’ dak li jkun u mhux biex jirbaħ argument.

4. Alla tana l-għola eżempju ta’ mħabba meta ta lill-Ibnu u jistenna li aħna la darba nduqu l-imħabba Tiegħu għandna nħobbu lil xulxin bl-istess mod billi nagħtu minn qalbna u mill-aħjar li għandna u mhux mill-fdal jew minn dak li skartajna.

5. L-imħabba hija wisq aktar minn emozzjoni imma hija azzjoni, li nagħtu minna nfusna għal benefiċċju ta’ ħaddieħor.

B. L-Imħabba Tfur Minn Ġo Fina (1 Ġwann 4:12-21)

a. Id-dinja tista’ tara u tagħraf l-imħabba t’Alla permezz tal-Imħabba li tidher fina.

b. Irridu nfittxu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jiggwidana, jaħdem fina, u jfur minna hekk kif inservu ‘l Alla minn qalbna.

c. Meta xi ħadd jaċċetta lil Ġesù Kristu bħala s-Salvatur personali tiegħu, billi jistqarr li Ġesù hu tassew l-Iben t’Alla, issir bidla f’qalbu. L-Ispirtu t’Alla jibda jgħammar fih.

d. Meta nitwieldu mill-ġdid insiru ulied Alla u naqsmu jew nixxierku fl-istess natura divina tiegħu (2 Pietru 1:4).

Qatt smajt xi Kristjan jgħid, “Jien naf li jien naf li jien naf!”? Dan huwa mod ta’ kif xi uħud jiddeskrivu ċ-ċertezza li Alla jeżisti u li qegħdin f’relazzjoni tajba miegħu. L-Appostlu Pawlu jorbot l-kelma “Nagħrfu jew Nafu” billi għamilha ċara li aħna bħala Kristjani nistgħu nagħrfu s-sewwa mill-ħażin, nistgħu nagħrfu ‘l Alla permezz ta’ mħabbtu, u nistgħu nkunu nafu li aħna ngħammru fih.

Aħna nafu verament x’nemmnu dwar Ġesù? Kapaċi nispjegaw lil ħaddieħor għaliex nemmnu li “Ġesù Kristu ġie fil-ġisem” (1 Ġwann 4:2) u għaliex huwa daqs tant importanti biex ikollna relazzjoni tajba m’Alla?

Aħna verament nafuh ‘l Alla? Jekk iva, għandna nħobbu lill-aħwa. U l-imħabba lejn il-proxxmu turi li aħna verament nimxu wara Kristu.

Aħna nafu li ngħammru f’Alla Hu fina? Nagħmlu dan meta nistqarru “li Ġesù hu l-Iben t’Alla” (vs. 15)u ngħixu fl-imħabba (vs. 16).

Ejjew mela ngħixu ħajja ta’ fidi u mħabba biex tassew ngħidu, “Jien naf li jien naf li jien naf!”
  View this article in PDF format Print article

Navigate through the articles
Previous article VICTORY BY SUBMISSION TO GOD
 
The comments are owned by the poster. We aren't responsible for their content.

Verse of the Day

The Vision

Live Seed Christian Centre exists to make known the Biblical truth of the Father-heart of God through preaching, teaching, and demonstrating the power of God in order that lives are transformed.

Meeting Times

Sunday: 10.30 am: Worship Service
Tuesday: 9.00 am - 1 pm: Prayer for Malta
Wednesday: Revival Prayer Meeting
Specials: Global University Course  
Mondays @ 7.30pm
Meeting Place: 310 Triq L-Imdina - Qormi,  
QRM 9014