Ġesù Jħabbar Il-Mewt TiegħuPastor Joseph Fenech Laudi
"Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja" (Mark 8:34)
Is-salib huwa simbolu li nsibuh f’ħafna knejjes bħala oġġett ta’ qima. Għal ħafna li jsejħu lil Ġesù, “Mulej,” is-Salib sar il-pont li għaqqad il-firda li kienet teżisti minħabba d-dnub bejn Alla u l-umanità. Fi żmien Kristu, is-salib kien forma ta’ eżekuzzjoni li kienet komuni għan-nies. Ħafna raw ħbieb jew membri tal-familja meħudin biex jiġu msallba u jmutu fuq salib minn taħt id ir-Rumani. Is-sejħa t’Alla biex wieħed jerfa’ salibu u jimxi warajh kienet mifhuma mill-insara tal-knisja bikrija bħala għażla li kienet titlob ubbidjenza li twassal biex wieħed ikun lest li jċaħħad lilu nnifsu minn dak kollu li ma jogħġobx lil Kristu. Illum, se nħarsu lejn l-attitudni ta’ Ġesù lejn il-mewt tiegħu li kienet qegħda toqrob, u l-istedina tiegħu lilna biex nimxu warajh u nkunu ubbidjenti lejn is-sejħa tiegħu minn rajna. Irridu niftakru li Ġesù minn qalbu u minn rajh għażel is-salib biex iressaqna lejn Alla l-Missier. 1. IL-MEWT U L-QAWMIEN IMĦABBRA Min hu Ġesù? (Mark 8:27-30) Meta nħarsu lejn xi ħadd li rnexxa fil-ħajja hija ħaġa rari li naħsbu dwar kemm forsi dik il-persuna batiet u s-stinkat biex kisbet u rnexxiet f’dak kollu li tkun qegħda tgawdi. Imma ħafna drabi kull persuna li tesperjenza suċċess tkun batiet u ssieltet fil-ħajja biex kisbet dak li kisbet. Hekk kif Kristu mexa minn belt għal belt, Hu qatta ħin mad-dixxipli tiegħu biex jgħallimhom dwar ir-rieda t’Alla u dak kollu li kienu jridu jgħaddu minnu. Darba minnhom hekk kif kien għaddej mir-reġjun ta’ Ċesarija ġewwa Filippi fejn il-Muntanja ta’ Ħemron, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu min kienu jgħidu n-nies li hu (Mark 8:27). Id-dixxipli bdew jgħidulu dak li n-nies kienu jgħidu fuqu — Ġwanni l-Battista, Elija, jew ieħor mill-profeti (vers 28). Iżda f’ħin minnhom dar fuqhom u staqsihom minn huma jaħsbu li hu (vers 29). Kien Pietru li b’dikjarazzjoni ta’ fidi ħabbar li Ġesù kien il-Kristu. Dak iż-żmien, dan it-titlu kien mifhum minn xi uħud bħala titlu politiku u dawn ħasbu li Ġesù kien se jeħles lil poplu Lhudi mil-ħakma Rumana. Iżda Ġesù tkellem ċar mad-dixxipli tiegħu dwar it-tbatija li Bin il-Bniedem kellu jgħaddi minna (Mark 8:31). Imma għallimhom ukoll li wara li jdum mejjet tlett ijiem kellu jerġa’ iqum mill-mewt. Pietru meta sama’ dan ċanfar lil Ġesù għax ma setgħax jaċċetta li l-Messija se jfalli fil-missjoni tiegħu billi jmut. Hu immaġina li l-Messija se jkun gwerrier rebbieħ! Tbatija Qabel il-Glorja (Mark 8:31-38) Hawnhekk Ġesù, ċanfar lura l-Pietru għat-twemmin falz tiegħu li kien ġej minn Satana nnifsu (vers 33). Din iċ-ċanfira kienet immirata lejn id-dixxipli kollha u lil Ġesù l-ebda tbatija ma kienet se twaqqfu milli jwettaq il-missjoni tiegħu li jsalva l-umanità. Ġieli aħna naqtgħu qalbna minħabba xi diffikultajiet u sofferenzi li nkunu għaddejjin minnhom u nwarrbu mir-rotta li Alla ħejja għalina. Nipprovaw infittxu triq mingħajr tbatija, triq aktar ħafifa, triq anqas impenjattiva, imma jekk verament irridu inkunu dixxipli ta’ Kristu, meta niffaċċjaw dawn il-problemi irridu nikkonfrontawhom fi Kristu u nfittxu li nikkonformaw mar-rieda tiegħu u inwarrbu l-ambizzjonijiet personali u egoisti tagħna. Ġesù qatt ma wiegħed li t-triq ħa tkun waħda mingħajr provi iżda lil dawk li jpoġġu t-tama tagħhom fih u jegħlbu dawn il-provi għandhom garanzija li jiġu ppremjati. Niftakru li l-atleti li jridu jkunu rebbieħa jridu jaħdmu u jistinkaw fiżikament u emozzjonalment għal żmien twil qabel ma jikkompetu. Ir-rebħa dejjem tiswa xi prezz imma mbagħad iġġib is-sodisfazzjon u l-glorja tant mistennija. 2. ID-DIXXIPLINAT MARBUT MAS-SALIB Ċaħda Tagħna Nfusna (Mark 8:34-35) Ħafna drabi nisimgħu xi predikaturi li jagħtu l-impressjoni li meta wieħed iċedi ħajtu fi ħdan Kristu li minn dak il-mument ‘l quddiem kollox se jkun ward u żahar. Dawn issa la ħa jkollhom problemi, mhux ħa jkollhom mard, ħa jkollhom flus kemm iridu, u m’hu ħa jonqoshom xejn. Iżda imbagħad meta jgħaddu minn xi diżgrazzja dawn tant ma jkunux ppreparati għaliha li lanqas biss ikunu jafu x’laqathom u wħud jitbiegħdu mill-fidi. Il-Kelma t’Alla torbot il-ħajja tad-dixxiplu mas-Salib (vers 34). Is-salib dak iż-żmien kien simbolu tal-ħruxija, l-aktar mewta ħarxa taħt ir-Rumani. Iżda Ġesù għażel is-salib bħala simbolu ta’ ċaħda personali għad-dixxiplu vera ta’ Kristu. Il-ħajja personali tagħna, bħala dixxipli ta’ Kristu, ma tibqax iffokata fuqna nfusna imma fuq Dak li sofra qabilna u għalina, miet għal dnubietna, u reġa’ qam minn bejn l-imwiet biex jagħmilna ulied adottivi t’Alla. Dawk li huma tassew dixxipli ta’ Kristu jridu jkunu lesti saħansitra li jitilfu ħajjithom għal kawża tal-evanġelju. Dan it-telf fid-dinja jsarraf f’salvazzjoni fid-dinja li ġejja. Ċaħda tad-Dinja (Mark 8:36-38) Il-fama, il-fortuna, u s-suċċess ħafna drabi jmexxu il-ħajja ta’ ħafna nies. Ġesù jistaqsi lil dawn in-nies u lilna mistoqsija li qila tidwi 2,000 sena: “X’jiswielu bniedem, jekk jirbaħ id-dinja kollha, u jitlef ruħu stess?” Kemm dawk li jsejħu lilhom infushom Kristjani, kif ukoll oħrajn li ma jridux jafu b’Alla, li jgħixu biss għalihom infushom u li jfittxu li jgawdu l-pjaċiri tad-dinja akkost ta’ kollox jum wieħed se jintebħu li dak li gawdew u gwadanjaw f’din id-dinja ma jiswilhom xejn fuq in-naħa l-oħra tal-eternità (vers 37). Imma li ngħixu ħajja bħala segwaċi ta’ Kristu, fejn nagħtu ħajjitna biex nestendu r-Renju t’Alla, dan issarraf fi premjijiet eterni. Din mħix kwistjoni ta’ x’nippossedu f’din id-dinja imma min jippossedina fid-dinja li ġejja! 3. NIFFAĊĊJAW IL-MEWT B’KUNFIDENZA Il-Mewt Tiġi għal Kulħadd (Mark 9:30-32) Fi triqthom lejn Ġerusalem, Ġesù ħa l-ħin biex jgħallem lid-dixxipli waħedhom. Dawn il-mumenti intimi żdiedu hekk kif kienet qed toqrob is-siegħa tal-mewt tiegħu (Mark 8:30-31). Hu reġa’ fakkarhom fit-tradiment, il-mewt, u l-qawmien tiegħu. Kien jgħallimhom dwar dak li nkiteb mill-profeti dwaru Nnifsu. Iżda d-dixxipli beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qiegħed ifisser. Minkejja dak kollu li qasam magħhom Ġesù dawn baqgħu ma femuhx sakemm qam minn bejn l-imwiet. Aħna lkoll iridu niffaċċjaw il-mewt xi darba jew oħra u sa kemm nibqgħu ħajjin nagħddu minn persekuzzjoni u tbatijiet fil-ħajja. Uħud minna għad jiffaċċjaw diffikultajiet u forsi anki provi fil-ħajja li jsibuha diffiċli li jaċċettaw is-sitwazzjoni li jinstabu fiha. Kif naġixxu fi żminijiet bħal dawn jiddetermina kemm aħna verament dixxipli vera ta’ Kristu. Hemm min jinqata’ għalih innifsu, hemm min jirritalja, hemm min ukoll saħansitra jeħodha kontra Alla. Iżda għaqli min f’mumenti bħal dawn jintelaq f’dirgħajn il-Mulej u jittama fih minkejja li ma jifhimx dak kollu li jkun għaddej minnu għax il-mistrieħ veru insibuh biss fih. It-Tama tal-Qawmien (Mark 10:32-34) Meta il-lejl ikun mdallam u mimli inkwiet huwa ta’ konfort li nkunu nafu li x-xemx għad titla’ mill-ġdid u ddawwal il-jum tagħna. Għalhekk it-tama m’għandiex tonqos għax l-maltemp jgħaddi u mbagħad ifeġġ il-bnazzi mill-ġdid. Id-dixxipli kienu qegħdin jimxu wara Ġesù fi triqthom lejn Ġerusalem u dawn żgur li kellhom tensjoni u biża minħabba dak li qasam magħhom Ġesù. Mill-ġdid Ġesù reġa ħadhom fil-ġenb u qalilhom dwar dak li kellu jseħħ (Mark 10:32). F’Ġerusalem il-mexxejja tal-Lhud kellhom jikkundannaw lil Ġesù għall-mewt u mbagħad jagħtuh f’idejn ir-Rumani biex jiżżuffjettaw bih, jifflaġellawh, u jsallbuh. Ġesù mill-ġdid reġa’ jgħidilhom li wara tlett-ijiem jerġa’ jqum mill-mewt (Mark 10:33-34). Ġesù iffaċċja l-kruha tat-tradiment u tat-tislib fuq is-salib bil-kuraġġ għax kien jaf li l-qawmien tiegħu kien se jikseb is-salvazzjoni għall-umanità. Dan ma jfissirx li kienet ħaġa faċli għal Ġesù, imma dan l-għarfien għenu biex jissapporti dak kollu li għadda minnu. Ħafna minn dak li nkunu għaddejjin minnu jista’ jkun li jġegħlna naħsbu li huwa impossibbli li negħlbu dik is-siegħa mudlama li nkunu fiha. Imma f’dawk iż-żminijiet mudlama għandna nafdaw fi Kristu u niftakru li bħal ma Hu qam minn bejn l-imwiet aħna wkoll noħorġu mill-inkwiet li inkunu għaddejjin minnu. Niftakru li l-akbar għadu tagħna hi l-mewt imma Kristu rebaħ fuq il-mewt u l-mewt għal Kristjan, hija biss gwadann għax bħal ma jgħid Pawlu “Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ jew qliegħ!” (Filippin 1:21).
|
|||||||
Liveseed Bible Articles
| Biblical Articles Testimonies Archivied Articles Bible Related Videos Global University |
| May 2012 | ||||||
| S | M | T | W | T | F | S |
| 1 | 2 | 3 | 4 | 5 | ||
| 6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 |
| 13 | 14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 |
| 20 | 21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 |
| 27 | 28 | 29 | 30 | 31 | ||
Liveseed Guestbook
- ahmet aslan halil
- cathy Does God Do Small M...
- John Riverton Malta Please Sign our Guestbook




More Information...


