Ġesù Jagħti Prova ta' l-Awtorità Tiegħu (Mark 1:21-28)by Pastor Joseph Fenech Laudi
Illum se nħarsu lejn ġrajjiet fil-ministeru ta’ Ġesù li jagħtu prova ta’ l-Awtorità tiegħu. Ġesù kien qiegħed jikseb ċertu popolarità fost in-nies li kienu jgħixu madwar il-Galilija.
Il-fatt li Hu kien ifejjaq in-nies mill-mard tagħhom u jkeċċi x-xjaten kien jiġbed ħafna nies warajh. In-nies kienu mistagħġbin għax kien igħallimhom b’awtorità u mhux bħall-għalliema reliġjużi ta’ żmienu. 1. AWTORITÀ LI JAĦFER ID-DNUB — Il-Fidi Ppremjata u Demostrazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Ġesù (Mark 2:1-12) Hawn insibu lil Ġesù ġewwa dar imdawwar b’kotra kbira ta’ nies filwaqt li beda jxandrilhom il-Kelma t’Alla. Erbat-irġiel li kellhom fidi qawwija ġabu lil seħebhom li kien paralitiku biex Ġesù jfejqu. Dawn minkejja l-ostaklu kbir li kellhom quddiemhom (il-Kotra) ma qatawx qalbhom u l-fidi tagħhom ġiet ippremjata. Ġesù juri l-awtorità tiegħu fuq id-dnub u fuq il-mard. Biex juri li Hu kellu s-setgħa jaħfer id-dnubiet Ġesù staqsa liema kien l-eħfef, li taħfer id-dnub jew li tfejjaq fiżikament. It-tnejn kienu mpossibbli għall-bniedem imma Ġesù wera id-divinità tiegħu billi wettaq it-tnejn! Ġesù kompla jsaħħaħ il-jedd tiegħu li kien divin billi sejjaħ lilu nnifsu “Bin il-Bniedem” titlu messijaniku minn Danjel 7:13-14. L-awtorità ta’ Ġesù li jfejjaq u li jaħfer id-dnubiet ma nbidlitx u għalhekk nistgħu niġu għandu permezz tal-fidi biex nirċievu kemm il-maħfra għad-dnubiet kif ukoll il-fejqan għall-ġisimna. 2. SID IS-SIBT — Aġir li Qajjem Tħassib (Mark 2:23-28; 3:1-5) Il-Fariżej kienu ta’ spiss jikkritikaw lil Ġesù u l-attitudni li kellu lejn Jum is-Sibt. It-Tradizzjoni Lhudija żiedet ħafna liġijiet marbuta ma jum is-Sibt, liġijiet li ma kienux ibbażati fuq il-Kelma t’Alla. It-tradizzjonijiet tagħhom kienu jorbtu lin-nies b’ lista ta’ 39 tip ta’ xogħol li ma setax isir Jum is-Sibt. Iżda skond Dewteronomju 23:25 dak li kienu qed jagħmlu d-dixxipli kien aċċettabbli; iżda dan kien imur kontra t-tradizzjonijiet tal-Lhud u dan ġiegħel il-Fariżej jirrabjaw u kienu jgħassulu biex jipprovaw jaqbduh f’xi ħaġa li setgħu jixluh biha. Iżda Ġesù ried jgħallem lil-Fariżej li jum is-Sibt ġie mogħti għall-benefiċċju tal-bniedem u mhux biex ikun ta’ toqol fuq il-bnedmin. Jum is-Sibt ġie maħluq għal bniedem u mhux il-bniedem ġie maħluq għas-Sibt! Ġesù qam mill-mewt Jum il-Ħadd u għalhekk l-insara bdew iqimu ’l Alla nhar ta’ Ħadd iżda tul is-sekli inħolqu liġijiet dwar dak li għandu u m’għandux isir Jum il-Ħadd. Uħud tant jiffokaw fuq li jżommu l-liġijiet tal-fidi tagħhom li jitilfu l-ferħ tas-salvazzjoni tagħhom għax minnflok bil-fidi jimxu bit-tradizzjonijiet u l-liġijiet li ħoloq il-bniedem tul iż-żminijiet. 1. AWTORITÀ MIS-SEMA — Ġiet Mistoqsija l-Awtorità ta’ Ġesù u Mwarrba mill-Mexxejja Reliġjużi (Mark 11:27-33)L-avvenimenti li seħħu f’kapitlu 2 u 3 ġraw kmieni fil-ministeru ta’ Ġesù. Mark kapitlu 11 seħħ xi tlett snin wara tul l-aħħar ġimgħa tal-ħajja ta’ Ġesù. Ġesù kien qiegħed Ġerusalemm biex imut u jerġa’ jirxoxta (Mark 10:32-34), skond il-pjan t’Alla biex jipprovdi s-salvazzjoni għan-nies tad-dinja kollha. Ħafna bdew jemmnu f’Ġesù, imma mhux daqstant il-mexxejja reliġjużi u t-tensjoni bejn Ġesù u dawn il-mexxejja kompliet tikber. Il-ministeru ta’ Ġesù ma kienx qed jaffettwa xi villaġġ remot biss imma issa beda jinħass ġewwa il-qalba ta’ Ġerusalemm, iċ-ċentru reliġjuż tagħhom. Ġesù deher li beda jieħu awtorità saħansitra fuq it-tempju, l-aktar post imqaddes tal-Lhud. Hawnhekk resqet fuqu delegazzjoni magħmula minn-mexxejja reliġjużi li dawn staqsew lil Ġesù b’ liem setgħa kien qiegħed jagħmel dawn il-ħwejjeġ. Ġesù billi kien jaf li l-ħsibijiet tagħhom ma kienux sinċiera, imma li dawn riedu jixluh, weġibhom billi staqsijhom mistoqsija oħra dwar il-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista (Mark 11:29-30) iżda dawn ma għarfux iwieġbuh u b’hekk ma tahomx risposta. Dawn il-mexxejja reliġjużi warrbu l-fatt li l-awtorità ta’ Ġesù kienet ta’ sors Divin u tilfu opportunità li jħallu ’l Alla jaħdem f’ħajjithom. Dan l-aġir narawh illum kemm minn nies u mexxejja reliġjużi li ifittxu li jimxu wara r-reliġjon flok wara Ġesù! EGHLUQ Ġesù Kristu għandu l-awtorità kollha kemm fis-sema kif ukoll fl-art. L-awtorità tiegħu mhix ibbażata biss fuq id-Divinità tiegħu imma anki fuq il-fatt li għex bħala bniedem mingħajr dnub u kien ubbidjenti lejn ir-rieda tal-Missier sal-mewt. Hu tana l-eżempju ta’ kif għandna ngħixu taħt ir-rieda t’Alla. Meta aħna nċedu ħajjitna taħt l-awtorità ta’ Kristu bħalma Kristu qagħad taħt dik tal-Missier, inkunu qegħdin nimxu mal-mudel li hu stess ħejjilna. Kif nistgħu noqogħdu taħt l-awtorità ta’ Kristu? Billi nagħmlu ħilitna biex ngħixu fl-ubbidjenza tal-Kelma t’Alla — Il-Bibbja!
|
|||||||
Liveseed Bible Articles
| Biblical Articles Testimonies Archivied Articles Bible Related Videos Global University |
| May 2012 | ||||||
| S | M | T | W | T | F | S |
| 1 | 2 | 3 | 4 | 5 | ||
| 6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 |
| 13 | 14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 |
| 20 | 21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 |
| 27 | 28 | 29 | 30 | 31 | ||
Liveseed Guestbook
- ahmet aslan halil
- cathy Does God Do Small M...
- John Riverton Malta Please Sign our Guestbook





More Information...


